Raymond “Fight” Beck – Trijonf ghat-teatru Malti

Image:

Fqir u għani, kburi u umli, ħati u innoċenti; dawn huma l-kunflitti li naraw f’Raymond “Fight” Beck, l-ewwel produzzjoni ta’ Teatru Malta li ttellgħet fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.

F’din il-produzzjoni jispikkaw minnufih numru ta’ elementi Maltin, bħalma kienu l-kostumi b’disinn ta’ Marco Parascandalo, kif ukoll il-lingwa bil-manifestazzjonijiet realistiċi u mużikali tagħha. Minbarra l-innovazzjoni tal-mużika rap bil-Malti, miktuba u mtellgħa mid-duo Marmalja, din kienet element indipendenti fil-produzzjoni, fis-sens li għenet fil-mixja tal-plott daqslikieku kienet karattru konvenzjonali. Ir-realiżmu deher fil-vokabularju użat mill-karattri u fiċ-ċirkostanzi lingwistiċi li nkludew ukoll id-djalett. Dan kollu għen sabiex l-udjenza tirrelata mal-azzjoni u mal-ambjent.

Image:

Dan ir-realiżmu ma setax ikun possibbli mingħajr it-talent tal-atturi magħżula, li b’mod ġenjali taw ħajja lill-karattri differenti, hekk kif imfassla mill-kittieb. Id-dedikazzjoni tal-atturi ħarġet ukoll permezz tal-korjografija b’direzzjoni ta’ Sean Buhagiar. Ma nistgħux ma nsemmux l-impressjoni li ħallew fuqna l-karattri tal-Gustuż (Żep Camilleri), il-Lover (Hector Bruno) u Victor Beck (Andrè Mangion). Dan tal-aħħar huwa fil-fatt il-kittieb tad-dramm, li rnexxielu jwassal lill-udjenza bilanċ bejn il-komiċità u s-serjetà, f’tisfila ta’ episodji kkaratterizzata minn progress intelliġenti.

Raymond “Fight” Beck tippreżenta l-istorja ta’ Raymond (John Montanaro), boxer irtirat li hu mħeġġeġ mis-sid tal-ħanut fejn jaħdem sabiex jirritorna fir-ring għal ġlieda ma’ Dyson Cumbo (Davide Tucci), li jiġi iben is-sindku tar-raħal fejn hi ambjentata l-istorja, iż-Żejtun. Mal-ewwel daqqa t’għajn il-plott jidher kemxejn tipiku, iżda huwa wieħed b’saħħtu għax fih jidhru l-attwalitajiet li jikkaratterizzaw in-natura umana. Fosthom insbu l-fraġilità tal-kburija, irrappreżentata mill-ikkrollar tar-relazzjoni ta’ Dyson mal-maħbuba tiegħu minkejja l-figura ta’ rebbieħ li naraw inizjalment, liema figura titlef saħħitha meta nsiru nafu li kienu l-flus tas-sindku li dejjem servew ta’ garanzija ta’ rebħa.

Image:

Id-dmir li Raymond u ħuh Victor iħossu li għandhom fil-konfront ta’ familthom huwa rikorrenti fil-produzzjoni. Filwaqt li Raymond jikseb l-għajxien għal familtu bix-xogħol li jagħmel fil-ħanut tal-Gustuż, Victor jidher ħafna drabi jieħu ħsieb lil nanntu Tessie (Lilian Pace). Huwa Raymond li fil-qofol tad-dramm jieħu l-ġustizzja f’idejh u jagħmel sagrifiċċju għall-protezzjoni ta’ Victor. Dan is-sagrifiċċju huwa l-punt tal-wasla minn sensiela ta’ avvenimenti li telqu mill-kilba għall-poter tas-sindku (Peter Galea).

Is-sett li fuqu ttellgħet din il-produzzjoni, li kien proprju strutturat bħala boxing ring, kien għodda kumplimentari u neċessarja sabiex jitwassal il-messaġġ b’mod effiċjenti, għal żewġ raġunijiet. Qabelxejn serva ta’ rappreżentazzjoni fiżika tat-taqbida interna u esterna tal-karattri. Barra minn hekk, l-azzjoni tpoġġiet sewwasew f’nofs l-udjenza, tant li din seta’ jkollha esperjenza intima ta’ dak li kien qiegħed iseħħ madwarha. L-elementi kollha li jsawru din il-produzzjoni jilħqu livell ta’ kwalità li huwa ta’ min jibqa’ jesplora u jiżviluppa permezz ta’ xogħlijiet artistiċi u teatrali oħra. Huwa għalhekk li nistennew b’ħerqa aktar produzzjonijiet bid-direzzjoni ta’ Buhagiar.

Image:

Your Comments

Recommend this article

Raymond “Fight” Beck – Trijonf ghat-teatru Malti

Thank you!

This article has been sent!

Close