Dibattitu dwar il-Manifest tal-SDM għat-terminu li jmiss tal-KSU

Image: Michela Cutajar

Waqt id-dibattitu li organizzat l-Insite f’kollaborazzjoni ma’ The Yuppie, The Third Eye, u TDM 2000, il-President il-ġdid William Farrugia ta’ KSU qal li fiċ-ċentru tal-manifest hemm l-istudenti. Farrugia qal li l-manifest tas-sena l-oħra kien imdaqqas mhux ħażin, iżda din is-sena tnaqqsu l-ammont ta’ proposti propju biex jingħata aktar ħin għall-proposti li hemm fil-manifest. Huma ser jiffukaw fuq il-proposti kreattivi li tul is-sena kemm il-membri ta’ KSU kif ukoll l-istudenti jistgħu jipproponu.

Il-Viċi President, Celine Bartolo sostniet li se tkun qed timxi fuq il-kwalitajiet li nbnew mis-snin ta’ qabel, iġifieri s-sostenibbiltà kif ukoll il-kontinwità. Hija qalet ukoll li peress li hi persuna kreattiva, se tkun qed tara x’tista’ tagħmel biex tuża din il-kwalità bl-aħjar mod possibbli. Bartolo qalet ukoll li għalkemm hu proġett li jieħu ż-żmien, żgur mhux impossibbli li l-KSU jkompli jaħdem biex Student House issir totalment plastic free.

Min-naħa tiegħu, Chris Aquilina s-Segretarju Ġenerali qal li bejn l-organizazzjonijiet u l-KSU hemm relazzjoni tajba ħafna. Hu qal, biex dan ikompli jissaħħaħ u biex ikun hemm servizz aħjar fejn wieħed jista’ jikkomunika ma’ KSU, se joħolqu sistem ta’ 24/7 biex kemm l-organizazzjonijiet kif ukoll il-bqija tal-istudenti jkollhom servizz aħjar ta’ kif isaqsu u jżommu kuntatt ma’ KSU.

L-Uffiċjal għall-Finanzi Eman Haber tkellem dwar il-fondi li għas-sena d-dieħla se jkunu allokati għall-istudenti. Haber tenna li se jkun hemm allokati €75 elf, b’uħud minn dawn il-flus użat għal miżuri li diġà daħlu fis-seħħ s-sena l-oħra, kif ukoll se jkunu allokati għal miżuri ġodda. Hu qal ukoll li se jkun qed ikompli bil-ħidma biex is-servizz tal-linja miċ-Ċirkewwa għall-Imsida jkun aktar effiċjenti. Madankollu saru diġà xi laqgħat kemm mal-Gvern kif ukoll mal-Malta Public Transport biex dan is-servizz jitjieb.

Thomas Mifsud, mill-Uffiċċju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi qal li l-idea ta’ komunikazzjoni permezz ta’ video għadha relevanti għall-ġurnata tal-lum, speċjalment fejn jidħlu dibattiti u kontenut ieħor li jinkludi xi diskorsi. Mifsud qal li channel fuq You Tube, miftuħ mill-KSU ikun ideali biex jiddokumentaw dan kollu. L-Uffiċjal li se jkun qed jaħdem fuq l-Edukazzjoni hu Matthew Xuereb. Hu qal li biex l-istudent ikollu ħajja aħjar fl-Università kif ukoll biex ikun aktar produttiv f’xogħlu, se jkun qed jaħdem biex l-istennija bejn lezzjoni u oħra, fejn hu possibbli titnaqqas u ma jkunx hemm wisq ħin żejjed fejn l-istudent ikollu jibqa’ l-Università biex jistenna l-lezzjoni li jmiss tibda. Naomi Deguara mill-Uffiċju għall-Politika Soċjali qalet li din is-sena tixtieq tiffoka fuq fosthom il-kundizzjoni tal-ADHD b’mod simili ta’ kif din is-sena l-istess Uffiċċju mexxa l-attivitajiet biex iqajjem kuxjenza dwar l-awtiżmu.

Naomi Attard kif ukoll May Hefney mill-Uffiċju Internazzjonali qalu li rigward il-problema ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni bejn studenti barranin u dawk Maltin, hemm bżonn ta’ aktar ħidma. Huma qalu li se jkunu qed jagħmlu sforz akbar biex permezz ta’ booklet, se jippreżentaw lil studenti barranin b’suġġerimenti ta’ kif jistgħu jagħmlu ħajjithom aktar faċli mal-wasla tagħhom f’Malta. Huma qalu li se jippruvaw jintegraw lill-istudenti barranin billi jorganizzaw attivitajiet differenti, kif ukoll jiltaqgħu magħhom biex jikkomunikaw magħhom aħjar u jkunu jistgħu jħossuhom ugwali mal-bqija tal-istudenti.

Matthew Gauci u Julia Cini mill-Uffiċju għall-Kultura u d-Divertiment qalu li l-ewwel festival tal-isport li sar is-sena l-oħra kien ta’ suċċess. Meta mistoqsija hux se jkun hemm aktar tipi ta’ sport involuti fl-edizzjoni ta’ din is-sena, Gauci u Cini qalu li jixtiequ jikkolaboraw ma’ organizazzjonijiet tal-isport, jaraw kif jistgħu jippromovu l-isport skont l-organizazzjoni rispettiva u jagħtu l-għajnuna meħtieġa biex aktar organizazzjonijiet jieħdu sehem fil-festival tal-isport.

Written by

Sarah Cassar Dymond

Your Comments

Recommend this article

Dibattitu dwar il-Manifest tal-SDM għat-terminu li jmiss tal-KSU

Thank you!

This article has been sent!

Close