Sezzjoni bil-Malti fl-Insiter

Image: Facebook: Aymeric Lair

Minn din is-sena, l-Insite ser ikollha sezzjoni ddedikata għall-Malti li se taħdem primarjament sabiex l-artikli li huma ta’ importanza kollettiva jittellgħu kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż. Xi affarijiet ser ikunu, mill-banda l-oħra, esklussivament bil-Malti. Forsi wieħed jistaqsi: għaliex din il-prijorità ġdida fi ħdan għaqda studenteska tal-midja?

Fis-snin li matulhom ilha attiva l-Insite, il-prominenza lingwistika kienet dejjem tal-Ingliż. Ir-raġunament użat bħala ġustifikazzjoni għal dan jagħmel ħafna sens mal-ewwel daqqa t’għajn. Ngħidu aħna, bosta jargumentaw li l-użu tal-Ingliż iwessa’ l-aċċessibilità tal-materjal imxandar mill-Insite għall-istudenti barranin, u għalhekk l-għaqda tkun qiegħda tassew tilħaq aktar nies. Barra minn hekk, l-Ingliż jista’ jitqies aktar flessibbli u effiċjenti għall-artikolazzjoni ta’ ċerti kunċetti, speċjalment jekk dawn ikunu ta’ natura xjentifika jew teknika.

Filwaqt li huwa minnu li kull sena jaslu fl-Università ta’ Malta għadd ġmielu ta’ studenti barranin, il-maġġoranza tal-istudenti, u anke tal-letturi, huma Maltin. Huwa dritt tal-qarrejja tal-Insite li jkollhom l-għażla li jaqraw bil-Malti, partikolarment dawk li jħossuhom aktar familjari u kunfidenti ma’ test bil-lingwa nattiva tagħhom, li forsi jaħkmu f’inqas ħin.

Maż-żmien tkompliet tissaħħaħ l-influwenza tal-Ingliż fil-Malti, li kellu jissellef diversi termini sabiex jesprimi xi kunċetti. Ta’ min jenfasizza li l-użu repetut ta’ dan il-kliem fil-Malti jrendi l-vokabularju missellef bħala parti stabbilita mil-lessiku tal-lingwa tagħna, għax fl-aħħar mill-aħħar il-lingwa hija dak li jingħad mill-kelliema tagħha. Għalhekk m’għandniex inseddqu l-mentalità li jkollna naqilbu għall-Ingliż meta nitkellmu fuq kunċetti li l-kliem li jesprimihom ħadnieh minn din il-lingwa internazzjonali. Anzi, l-integrazzjoni ta’ dan il-vokabularju f’qafas Malti jgħin għall-iżvilupp tal-lingwa. Kienet din l-integrazzjoni li waqqfet lill-Malti milli jiġi estint snin ilu. Ta’ min ifakkar li s-self għandu jsir b’mod għaqli, imma dan mhuwiex is-suġġett tal-lum!

B’dan il-pass, l-Insite temmen li r-rwol tagħha bħala portavuċi tal-istudenti jista’ jinqeda aħjar. Huwa xieraq li għaqda studenteska tal-midja fi ħdan istituzzjoni tal-Gvern topera, għalkemm forsi mhux il-ħin kollu, biż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna. U għal min għandu naħa kreattiva, is-sezzjoni tal-Malti se jkollha xi ħaġa x’toffri wkoll! Nistednukom issegwu l-paġna ta’ Facebook tal-Insite sabiex tibqgħu infurmati.

Image: Dorian Fenech

Written by

Romario Sciberras

Your Comments

Recommend this article

Sezzjoni bil-Malti fl-Insiter

Thank you!

This article has been sent!

Close